Grotta

grotta_1.jpgIL-GROTTA TA’ SAN PAWL
Qabel is-sena 1610: Knisja Waħda
Sas-sena 1610 il-Grotta u l-Knisja ta’ San Pawl kienu magħqudin. Mhux biss, iżda l-istess Knisja ta’ San Pawl bil-Grotta b’kollox kellha rabtiet qawwija mal-Kattidral ta’ l-Imdina għax il-Parroċċa (sal-1902) kienet tħaddan ir-Rabat u l-Imdina. Il-kap ta’ din il-Parroċċa, li sal-1539 kien jissejjaħ ‘Cappellano Maggiore’ u mbagħad ‘Arċipriet’, fil-25 ta’ Settembru 1586 irnexxielu jikseb ftehim mal-Kapitlu tal-Kattidral biex il-Parroċċa Rabat-Mdina tiġi nkorporata bħala l-ħames dinjita’ tal-Kapitlu tal-Kattidral.

Mill-1610 sa’ l-1617: Il-Grotta taħt l-ispanjol Juan Benegos

Fi tmiem is-seklu 16 kien jinsab f’Malta nobbli spanjol minn Cordova, bniedem influwenti li kellu ħafna ħbieb personali, fosthom il-Papa Pawlu V u l-Gran Mastru Alof De Wignacourt.
Ir-reġistri tal-Magħmudija tar-Rabat/Mdina juru li Signor Juan Benegos kien diġa’ hawn fl-14 t’Ottubru 1599 għax dak inhar għamel parrinu f’maghmudija ta’ tifel mir-Rabat. Kittieba kontemporanji, bħat-tabib Mark Anton Asciak, jgħidu li meta dan l-ispanjol zar il-Grotta huwa tant tpaxxa biha li ddeċieda li jibqa’ jgħammar fiha bħala eremita. Huwa ħass ukoll li għandu jippromoviha fuq il-linja tas-Santwarji Nternazzjonali ta’ żmienu. Fi żmien qasir beda jikseb m’għand ħbieb u renjanti barra minn Malta, fosthom l-istess Papa Pawlu V, indulġenzi, relikwi u paramenti sagri għall-Grotta. Darba fl-1606 irritorna f’Malta mimli b’bosta għotjiet u rikkezzi fosthom tlett statwi tal-injam indurati li juru lil San Pawl, San Luqa u San Publiju, u dawn wassalhom fil-Grotta f’dak li kien forsi l-akbar pellegrinaġġ u l-akbar purċissjoni li qatt rat Malta, bis-sehem obbligarju tas-saċerdoti kollha tad-Djoċesi u tal-membri tal-Ordni tal-Kavalieri. Kien Benegos li kabbar f’Malta l-qima lejn San Luqa u San Publiju. Minkejja dan kollu, sas-sena 1610 f’kull ma wettaq, Benegos kien dejjem soġġett għall-Isqof li kien responsabbli għall-Grotta għax din kienet biċċa mill-Knisja ta San Pawl, il-Parroċċa tar-Rabat.
grotta_7.jpgDin is-sitwazzjoni tbiddlet għal kollox fl-1610 bil-Brevi tal-Papa Pawlu V tas-6 ta’ Diċembru li bih il-Grotta u l-Knisja ta’ San Pawl infirdu minn xulxin. Mhux biss il-Papa firidha, imma taha f’idejn l-ispanjol b’setgħat kbar. Bis-saħħa tagħhom Benegos fi ftit snin waqqaf kulleġġ ta’ qassisin biex joffiċċjaw fil-Grotta, fetaħ taraġ ieħor mill-Grotta għal barra, bena dar għall-pellegrini li jżuru l-Grotta, u oħra għalih bħala rettur u għas-saċerdoti tal-Grotta, kif ukoll bena fuq il-Grotta knisja ddedikata lil San Publiju li qabel qatt ma kienet teżisti.
Kif wieħed jista’ jaħseb, id-devozzjoni kibret hafna iżda minn naħa l-oħra l-Arċipriet u l-Kapitlu tal-Kattidral inkwetaw u ssieltu mhux ftit meta fehmu li se jitilfu l-Grotta. Irridu ngħidu li l-Grotta kienet xi ftit mitluqa u issa kienet se tiġi aktar koltivata iżda kif jiġi wieħed barrani joħodlok l-għeżeż ħaġa li jkollok? Kien għalhekk li l-Kapitlu, waqt li stqarr li l-Grotta hi l-FUNDAMENT TAL-KNISJA F’MALTA U L-BAZI TAL-KANONIKATI U L-VESCOVAT, ħatar Prokuratur biex jiddefendilu l-interessi tiegħu f’Ruma. Iżda kien kollu għalxejn għax Benegos f’Ruma kellu saħħa kbira u l-Ordni, li ma kellu ebda knisja fir-Rabat u l-Imdina u li żgur li xtaq jieħu f’idejħ xi ħaġa għażieża li biha jinħabb mal-poplu, kien qed jappoġġjah kemm jiflaħ. Tant hu hekk li 16-il ġurnata wara, fit-22 ta’ Dicembru il-Papa ħareġ Brevi ieħor li bih Benegos kellu, wara mewtu jew meta jidhirlu, jgħaddi l’Grotta bil-benefikati kollha tagħha lill-Ordni ta’ San Ġwann.

Dam madwar 6 snin Benegos imexxi l-Grotta waħdu u kif jidhirlu izejjinha u jkabbar il-kult tagħha sakemm fit-22 ta’ April 1617 mar għand il-Gran Mastru Alof de Wignacourt u offrielu l-Grotta. Il-Gran Mastru wara li laqqa’ l-Kunsill aċċetta l-Grotta f’isem l-Ordni u ħatar lill-istess Benegos bħala l-ewwel Rettur tagħha.

grotta_4.jpgMill-1617 sas-sena 1807: L-aqwa zmien
Dan kien il-perjodu tad-deheb fl-istorja tal-Grotta. Il-Gran Mastru Wignacourt, ferħan bl-akkwist li għamel, waqqaf dik li hi magħrufa bhala l-FUNDAZZJONI WIGNACOURT. Din għamilha mhux mit-Teżor ta’ l-Ordni iżda minn flusu. Din il-Fondazzjoni ffjorixxiet u kellha prosperita’ tant kbira li seta’ jiżdied in-numru tal-Kolleġġjali, il-Knisja nbniet u tkabbret aktar minn darba, inbena l-Kulleġġ spazjuz b’sottopassaġġ taħt l-art u saru bosta opri ta’ fided, skultura u pittura.
Għall-ewwel l-inkwiet mad-Djoċesi baqa’ jinħass xi ftit iżda malajr intesa għal kollox ħlief f’xi każ rari. Insemmu ittra tal-Papa Urbanu VIII lill-Gran Mastru nhar il-25 ta’ Ġunju 1637, meta kien qed isir sforz biex din il-Fondazzjoni tisfaxxa fix-xejn, għax qalu li ma rnexxietx, u l-Ordni tant kien qalbu maqtugħa li għamel il-proposta li almenu jekk jispiċċa l-Kulleġġ tal-Qassisin, l-Ordni ma jitlifx il-Grotta. B’xorti tajba, minn dan kollu baqa’ ma sar xejn u kollox baqa’ kif kien. Anzi komplew jiffjorixxu u jagħtu frott l-amministrazzjoni għaqlija tal-beni, l-opri tal-arti u s-solennita’ tal-funzjonijiet bil-mużika tant li l-Kulleġġ għandu wieħed mill-eqdem orgnijiet Naplitani li hawn fi gżiritna.
Fl-1798 il-Franċiżi keċċew il-Kavalieri u wara sentejn ġew l-Inglizi li ma ċaqalqu xejn qabel is-sena 1807.

grotta_2.jpgMill-1807 sal-1961: Zmien ta’ Konflitt
Fis-sena 1807 inqala l-inkwiet. Il-Kummissarju Ingliż Sir Alexander Ball iddeċieda li jinkorpora l-beni tal-Grotta mal-amministrazzjoni ċivili. Ġara li waqt li qabel il-Kolleġġjali kienu jamministraw ġidhom bl-akbar skruplu, issa l-uffiċjali tal-gvern amministraw b’wisq inqas għaqal u nteress u l-qagħda finanzjarja marret mill-ħażin għall-agħar.
In-nomini kienu joħorgu mill-Gvern. Il-kumpens li kien jingħata lill-Kollegjali mhux dejjem kien ikun adegwat u biex tagħmel xi ħaġa bħal tibjid jew tiswija, kont teħtieġ ħafna permessi minn uffiċjali tal-Gvern li ftit li xejn kellhom interess. Opri ġodda ma sarux. Il-Kanoniċi baqgħu jgħixu jew iżommu l-Kulleġġ għalkemm darba kien hemm il-periklu li l-gvern jieħu wkoll il-Kulleġġ. Meta mbagħad ma baqgħux jgħixu hemm, il-gvern uża l-post bħala skola, Victory Kitchen u Infermerija fil-gwerra. Kif wieħed jistenna f’daż-żmien il-post iddeterjora mhux ftit.
grotta_5.jpgIs-sentiment patrijottiku Rabti, il-bżonnijiet spiritwali u l-prestiġju tal-post u tad-Djoċesi kienu jitolbu li jsir sforz biex il-Gvern jerga’ jagħti lura lid-Djocesi almenu l-knejjes u l-Kulleġġ. Iżda l-ebda gvern ma kien dispost li jcedihom. Fl-1946 Mons. Wara diversi seduti, izda, ma ntlahaqx ftehim. Aktar tard fl-1957, twaqqaf fir-Rabat, b’inizzjattiva privata, kumitat presedut mill-Imhallef Montanaro Gauci li bil-barka shiha ta’ l-Arcisqof Gonzi hadem bis-shih u rega’ qajjem il-kwistjoni mal-gvern. Dawn l-isforzi kbar wasslu biex jintlaħaq ftehim u l-ftehim mixtieq ġie ffirmat bl-atti ta’ 17 t’April 1961. Minkejja d-difetti li fih, dan il-ftehim poġġa l-bażi biex il-Grotta flimkien mal-Parroċċa jaqbdu t-triq ġdida fl-aħjar interess u l-prestiġju kemm tal-post kif ukoll tal-ġid spiritwali ta’ l-erwieħ. Il-ftehim tas-17 ta’ April 1961 ġie milqugħ b’festa kbira fir-Rabat u ġie mfisser ukoll bhala ‘ġustizzja storika’.
grotta_6.jpgMill-1962 sal-llum: Ghaqda mill-Gdid
Bill-Bolla Apostolicae Sedis ta’ Ġwanni XXIII, tal-24 ta’ Novembru 1962, seħħet mill-ġdid l-għaqda tant mixtieqa tal-Grotta mal-Parroċċa ta’ San Pawl. Iż-żewġ knejjes materjalment ingħaqdu wkoll. San Pawl sar Kolleġġjata kif kien jixraqlu. Il-pussess tal-Kanonċi l-ġodda sar fit-23 ta’ Marzu 1963. Aktar tard fl-24 ta’ April 1963 ħarget bolla ohra ‘Melitensis Insula’ li tat lill-istituzzjoni, drittijiet oħra dwar l-ilbies tal-Kanonci u l-użu tal-mazza.

Aktar dettalji: Mons G Azzopardi – Ir-Rabta Storika tal-Grotta mal-Knisja ta’ San Pawl Barra s-Swar (Il-Festi Tagħna 1987)

Top↑