Kunċert inawgurali tat-twaqqif ta’ l-orkestra ‘Paulus’ u numru ta’ kommemorazzjonijiet tal-Kolleġġjata Proto-Parroċċa ta’ San Pawl tar-Rabat – Malta

 

O R K E S T R A  PA U L U S

C/O  Nru 1, Triq il-Kbira, Rabat, Malta

Il-Ġimgha 3 ta` Ġunju, 2011

Sinjuri,

Suggett: Kunċert inawgurali tat-twaqqif ta’ l-orkestra ‘Paulus’ u numru ta` kommemorazzjonijiet tal-Kolleġġjata Proto-Parroċċa ta` San Pawl tar-Rabat – Malta

 

Kif hafna minnkom jafu, kont ilni nberren f’moħħi l-ħsieb li titwaqqaf formalment orkestra sabiex barra milli timla l-vojt li hawn f’Malta peress li apparti l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali u l-orkestra taż-żgħażagħ li riċentament twaqqfet fi ħdanha, ma hawnx orkestra formali oħra bhalma hawn korijiet ta` livell.

Minħabba li fir-Rabat jeżisti element qawwi ta’ mużiċisti li jdoqqu l-korda, kif ukoll il-fatt li dejjem ħassejt li f’post ta’ storja u ta’ kultura bhalma huwa r-Rabat, ikun jixraq li jimtela dan il-vojt. Wara xhur ta’ ħidma, din l-orkestra twaqqfet u issa ser teżegwixxi l-kunċert inawgurali tagħha nhar il-Ħamis, 16 ta` Ġunju 2011 fis-7.30pm ġewwa l-Kolleġġjata ta’ San Pawl, ir-Rabat. 

F’din is-serata wkoll, il-Kolleġġjata u Parroċċa ta` San Pawl tar-Rabat ser tieħu l-okkażjoni sabiex fil-ftuħ tal-Festi Prinċipali u Titulari tagħha, tfakkar b’għożża numru ta` kommemorazzjonijiet, prinċipalment il-Beatifikazzjoni tal-Papa Ġwanni Pawlu II u ċ-ċentinarju mill-inawgurazzjoni tal-qniepen tal-knisja parrokkjali, preċiżament f’ Ottubru ta’ l-1911.

L-orkestra m’hix ser tkun organizzazzjoni fl-istrutturi tal-Parroċċa jew f’Soċjetajiet mużikali oħra u dan ghal certu ragunijiet prattici.   Imma l-għan aħħari tagħha ser ikun sabiex permezz tal-mużika jikber ukoll il-kult Pawlin u l-kult lejn il-Grotta ta’ San Pawl fir-Rabat, l-aktar billi:

(a)   Tgħaqqad il-mużika ma’ l-affinità u l-imħabba tal-membri tagħha lejn il-Proto-Parroċċa Kolleġġjata ta` San Pawl, ir-Rabat. Dan għandu jsir l-aktar permezz tal-kunċert annwali tagħha bil-kooperazzjoni tal-Kapitlu tal-Kolleġġjata nhar id-9 ta` Frar fis-7.30pm ta` kull sena fl-istess Kolleggjata, sabiex tiġi ċċelebrata il-festa tan-nawfraġju ta` San Pawl fil-post fejn huwa għex matul il-miġja tiegħu f’Malta – l-Grotta ta’ San Pawl.  Dan il-kunċert ikollu l-għan ukoll li jkabbar l-apprezzament  lejn l-mużika sagra, speċjalment dik Maltija, bosta minnha tinsab fl-istess Mużew Wignacourt.

(b)   Ittella’ kunċerti ta’ ġeneru mużikali varju fir-Rabat fejn hija għandha s-sede u anke fil-Gżejjer Maltin sabiex tagħti kontribut lis-soċjetà Maltija permezz ta’ l-apprezzament tal-mużika.  

Dan il-kuncert inawgurali ma kienx ikun possibbli mingħajr l-għajnuna tal-APS Bank li huwa l-isponsor principali, kif ukoll tal-Kunsill Lokali Rabat, tal-Fondazzjoni Patri Martin Caruana OP u ta’ MZ Investments (proprjeta` tas-Sur Martin Zahra). 

Fil-waqt li nistedinkom tattendu għal dan il-kunċert ta’ mużika sagra mill-isbaħ ta` kompożituri Maltin u barranin, inħeġġiġkom timlew id-dettalji tagħkom hawn isfel f’każ li tkunu tixtiequ tirċievu inviti għal attivitajiet ta’ l-orkestra fil-futur u titfgħuha, flimkien ma’ donazzjoni, fil-qfief li ser ikun hemm mal-bibien tal-knisja hekk kif jispicca l-kuncert.  

Grazzi u tislijiet,

Dr. Mark Fenech Vella

B.A.,  Dip.Trib.Eccl.Melit., LL.D

Koordinatur tal-Kummissjoni

Orkestra “Paulus”

Bookmark the permalink.

Comments are closed.